Dan il-Gvern iħoss li l-poplu għandu dritt jiġġudikana fuq dak li nagħmlu u għaldaqstant, darba fis-sena, nagħmlu rendikont tal-ħidma tagħna f’kull settur matul dik is-sena li tkun għaddiet. Matul dawn ix-xhur u l-ġimgħat li għaddew smajna ħafna fuq ir-riforma li hemm bżonn fil-qasam tal-Kura Primarja. Aħna stess irrikonoxxejna li din il-ħtieġa hija waħda reali u kien għalhekk li mingħajr ħafna pompa żejda middejna għonqna għax-xogħol u bdejna nimplimentaw b’mod gradwali ħafna mill-prinċipji li ħarġu kemm mid-dokument ta’ konsultazzjoni u, fl-opinjoni tiegħi aktar importanti, mir-rispons li kellna għall-istess dokument. F’dan is-settur tal-Kura Primarja, it-tliet prinċipji kardinali li nħossu li għandhom kontinwament jiggwidawna huma li l-pazjent jitqiegħed fiċ-ċentru tal-politika tas-saħħa, li ngħollu l-livell taċ-Ċentri tas-Saħħa u li ntejbu s-servizzi offruti fil-Komunita`.
Fil-komunità l-Gvern għandu 8 Ċentri tas-Saħħa u ta’ 42 berġa li minnhom joffri s-servizzi lill-pazjenti tagħna. Matul is-sena li għaddiet it-tobba f’dawn iċ-Ċentri għamlu kważi nofs miljun viżta, u mill-bereġ saru kważi 200,000 viżta oħra. Meta tgħoddhom flimkien ifissru li ras għal ras kull persuna f’Malta sarulha żewġ viżti f’sena f’dawn iċ-Ċentri. Ma’ dawn irrid inżid ukoll ‘il fuq minn 12,500 viżta li dawn l-istess tobba għamlu fid-djar ta’ dawk il-pazjenti li ma setgħux joħorġu. Ċifri li jimpressjonawni u li jagħmluli kuraġġ, pero l-viżti tat-tabib huma biss parti żgħira mill-firxa wiesgħa ta’ servizzi li noffru.
Irrid insemmi fil-fatt li minbarra t-tobba, fiċ-Ċentri tas-Saħħa u l-bereġ għandna mijiet ta’ professjonisti oħra li kuljum joffru servizzi oħra ta’ l-ogħla kwalita. Per eżempju, matul is-sena li għaddiet saru mal-100,000 test tad-demm u madwar 200,000 oħra ħadu kura mogħtija mill-infermiera. Fil-klinika tad-diabete attendew il-fuq minn 14,000 pazjent u mat-80,000 irċevew servizzi relatati mal-podjatrija. Ingħataw aktar minn 30,000 servizz tal-fiżjoterapija u 35,000 servizz ieħor fl-ispeech language pathology. Ingħataw ukoll il-fuq minn 75,000 vaċċin tat-tfal u 75,000 vaċċin ieħor kontra l-influenza. Ma’ dawn saru numru kbir ieħor ta’ viżti u sessjonijiet oħra, bħal X-Rays (22,000), Ġinekoloġija (8,000), ECGs (4,000), Oftalmoloġija u Glawkoma (6,500), u konsulti oħra. Ħidma kontinwa għaddejja lejl u nhar, jum wara l-ieħor biex il-pazjent ikun moqdi aħjar. Ta’ min inżid ukoll is-servizzi li jingħataw fl-iskejjel mal-istudenti kollha u l-għadd ta’ inizjattivi favur il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, klabbs għall-ommijiet u t-trabi tagħhom, taħditiet u laqgħat li jsiru fil-komunita’ u klassijiet għall-pubbliku in ġenerali bħal per eżempju l-klassijiet dwar l-immaniġġjar tal-piż u għal waqfien mit-tipjip.
Il-qasam tas-saħħa huwa għal qalb il-gvern nazzjonalista u pilastru tal-politika tagħna. Għal sena oħra erġajna kkonfermajna dan bl-investiment qawwi f’dan is-settur, inkluż l-investimenti li saru u ppjanajna biex nibdew minnufih, fil-qasam tal-Kura Primarja. Tista’ tgħid li matul is-sena li għaddiet, iċ-Ċentri kollha tas-Saħħa f’Malta jew sarilhom xi xogħol fuqhom jew tlestew il-pjanijiet kollha meħtieġa biex maljar kemm nistgħu din is-sena jinbeda x-xogħol. Iċ-Ċentru tal-Mosta tista’ tgħid se jkun totalment differenti minn kif inhu llum – saru wkoll l-arranġamenti meħtieġa sabiex waqt li tkun għaddejja din il-ħidma masiċċa fuq dan il-bini, is-servizzi li bħalissa jingħataw minn dan iċ-Ċentru jibqgħu jingħataw minn post alternattiv. Il-manutenzjoni u tisbiħ li se jsir fil-Mosta jinkludi xogħol fuq il-binja, fl-elettriku, fil-makkinarju u fl-apparat mediku, fil-pavimentar, fl-aperturi u fl-għamara.
L-istess iċ-Ċentru tar-Rabat – ix-xogħol preliminari kollu huwa lest u f’dawn il-jiem se joħorġu t-tenders għax-xogħolijiet meħtieġa, inkluż xogħolijiet fuq l-elettriku, makkinarju u apparat mediku, aperturi, pavimentar u sistema ta’ arja kkundizzjonata u lift. Fuq iċ-Ċentru reġjonali ta’ San Ġiljan, il-gvern qed jaħseb sabiex mhux biss iwettaq dawk ix-xogħolijiet meħtieġa, talli se jkun qed idaħħal kunċett ġdid fil-Kura Primarja f’pajjiżna għaliex il-pazjent ser ikun jista’ jsib is-servizzi kollha f’post wieħed. Dan il-proġett ser ikun qed isir b’investment totali ta’ kważi sitt miljuni u nofs ewro f’bini mfassal fuq tlett sulari, b’żewġ livelli ta’ parkeġġ. Matul is-sena li għaddiet ukoll saru xogħolijiet estensivi oħra fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, f’dak ta’ Birkirkara, ta’ Bormla, tal-Gżira, ta’ Ħal-Qormi u tal-Floriana. L-istess nistgħu ngħidu għall-bereġ li hemm imxerrdin f’ħafna rħula f’Malta fejn kontinwament ikun għaddej xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ għax dan il-gvern jemmen li kull ċittadin għandu dritt għal dawn is-servizzi ta’ kura primarja f’ambjent li jilqgħek u sigur.
Din il-ħidma tagħna fl-aħħar sena fil-qasam tal-kura primarja hija xhieda oħra tal-impenn tagħna għall-Maltin kollha. Minkejja l-kritika kontinwa tal-oppożizzjoni u minkejja d-diffikultajiet kollha li l-gvern ikollu jegħleb sabiex jassigura li dawn is-servizzi jitwasslu kif jixraq, din is-sena ħidma tikkonferma kemm huwa minnu li : Saħħtek Għal Qalbna !
No comments:
Post a Comment