Ħadna diversi miżuri biex nippromwovu s-saħħa
Il-Ħidma prinċipali tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita tikkonċentra fuq servizzi tal-kura tas-saħħa, li ma jfissirx biss servizzi għal meta jimrad xi ħadd, imma wkoll servizzi biex kemm jista jkun jiġi evitat il-mard.
Naturalment din mhix responsabilita tal-Gvern biss, imma fuq kollox ir-responsabilita li tieħu ħsieb saħħtek hi tiegħek ukoll. Biex ngħinuk tagħmel dan għandna professjonisti li jiggwidaw il-promozzjoni tas-saħħa u il-prevenzjoni tal-mard.
Investejna fir riċerka - Inizjattivi bil-għan li jtejbu u jfiehmu s-Saħħa fl-Adoloxxenza jinħtieġu li jkunu bbażati fuq evidenza li tista’ tinkiseb biss permezz tar-riċerka li ssir f’kuntest lokali. Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard jagħmel l-Istudju dwar l-Imġieba tas-Saħħa fi Tfal tal-Iskola (HBSC) kull erba’ snin. Permezz ta’ dan l-istudju, jiġu identifikati l-imġieba tas-saħħa kif ukoll tendenzi fost l-adoloxxenti u wkoll ikunu studjati l-ħtiġijiet. L-istudju isir fost 34 pajjiż fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq u d-data lokali titqabbel ma’ dawk tal-pajjiżi l-oħra Ewropej.
Inestejna f’ħidma flimkien ma pajjiżi Ewropej - Malta hi membru tan-Netwerk Ewropew dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa fl-Iskejjel fejn skejjel Maltin jipparteċipaw f’inizjattivi li jieħdu approċċ sħiħ tal-Iskola fejn it-tfal jitħeġġu jadottaw stil ta’ ħajja b’saħħitha. Din l-inizjattiva tieħu in konsiderazzjoni l-ambjent u l-kurrikulu moħbi, kif ukoll il-kurrikulu mgħallem.
Investejna f’ħidma li tiffavorixxi il-breast feeding - Il-Ġimgħa favur it-Treddigħ tinżamm kull sena b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei. Minbarra li titqajjem kuxjenza fost l-ommijiet, l-inizjattiva għandha l-għan li tipproġetta kultura favur it-treddigħ, inkluż il-ħidma sabiex postijiet tax-xogħol u dawk pubbliċi jsiru ‘baby-friendly’; kif ukoll sabiex is-sistemi soċjali jipprovdu aktar sapport u għajnuna fir-rigward tat-treddigħ.
Għandna klabbs għall-Ommijiet u t-Trabi - Il-Unit għall-Promozzjoni tas-Saħħa qed taħdem fuq inizjattiva b’kollaborazzjoni mal-Klabbs tal-Moviment ta’ Kana għall-Ommijiet u t-Trabi fejn isiru taħdidiet lill-ommijiet dwar il-ftim u dieta tajba għat-tfal tagħhom.
Inmorru wkoll fl-iskejjel. Fil-fatt twaqqaf Kumitat tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni li jiltaqa’ regolarment sabiex jiddiskuti u sabiex titwettaq ħidma flimkien bejn iż-żewġ Ministeri, u sabiex jiġu esplorati oqsma ta' interess komuni għall-promozzjoni tas-saħħa fit-tfal tal-iskola.
Id-Direttorat għall-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard huwa rappreżentant fil-Kumitat stabbilit mill-Qasam tal-Edukazzjoni sabiex jirrevedi d-dokument il-ġdid dwar il-Pjan ta’ Stil ta’ Ħajja B’Saħħitha (il-Healthy Lifestyle Plan).
Il-Unit għall-Promozzjoni tas-Saħħa waqqaf proġett pilota tal-‘Walking Bus’ ġewwa xi skejjel, fejn tfal fi skejjel primarja jimxu lejn l-iskola flimkien u ggwidati minn persuni responsabbli.
Din l-istess unit torganizza taħdidiet fl-Iskejjel. Il-Unit tirċievi talbiet matul is-sena skolastika għal taħdidiet fl-iskejjel stess fuq numru ta’ suġġetti marbuta mas-saħħa. L-udjenza fil-mira jkunu jinkludu studenti, għalliema u ġenituri.
Inizjattiva oħra tippromwovi il-konsum ta frott. Fil-fatt sa mill-2009, l-Aġenzija tal-Ħlas fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, bdiet inizjattiva ffinanzjata mill-fondi tal-UE imfassla sabiex jiżdied il-konsum tal-frott u ħaxix fit-tfal tal-iskola, billi tipprovdi kull tifel u tifla fl-iskejjel kollha primarji 'porzjon bla ħlas ta‘ frott jew ħxejjex darba fil-ġimgħa. Il-programm qed jiġi implimentat fl-iskejjel kollha f'Malta u Għawdex. Il-Unit għall-Promozzjoni tas-Saħħa hija membru attiv tal-Kumitat li tħaddem din l-iskema u kienet ukoll wettqet evalwazzjoni preliminari tal-iskema.
Dan kollu qiegħed isir biex kemm jista jkun ikollna popolazzjoni aktar mgħarfa dwar dak li huwa ta ġid għall-saħħitna. Biss, nerġa ntenni li r-responsabilita prinċipali hija biss tiegħek. Bniedem avżat, nofsu armat, u bħal ma ngħidu dejjem, l-aqwa kura hi propju il-prevenzjoni.
No comments:
Post a Comment