Wednesday, 22 August 2012

Matul dawn l-aħħar 4 snin u nofs ingħataw 2,219 trattament mediku fir-Renju Unit lill pazjenti Maltin

Qed ningħata t-trattement mediku li għandi bżonn f’wieħed mill-aqwa sptarijiet fid-dinja – Is-Sur Bernard Bonnici 

Mill-2008 sa nofs Awwissu ta din is-sena 1,456 pazjent Malti u Għawdxi ingħataw aktar minn 2,000 trattament mediku b’xejn fir-Renju Unit għal-kundizzjonijiet differenti ta saħħa varji li kellhom jew għandhom.  Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita, ingħata rendikont tal-ħidma li qed issir mis-sezzjoni magħrufa bħala Treatment Abroad Section fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa. 

Il-Ministru Joe Cassar qal li dawn il-pazjenti ikunu qed jesperjenzaw kundizzjoni partikolari li tkun teħtieġ kura speżjalizzata u allura, permezz ta ftehim li kien sar bejn Malta u r-Renju Unit, din il-kura tingħata f’ċentri ta speċjalizzazzjoni prinċipalment f’Londra.   Dr Cassar qal li l-ftehim ikopri kwota annwali ta 180 pazjent, filwaqt li l-Gvern Malti iħallas direttament għall-kumplament tal-pazjenti.  Naturalment il-pazjent ma jħallas xejn.

Il-Ministru Cassar qal li dan isir sabiex jiġi żgurat li l-pazjenti Maltin jirċievu l-aqwa kura possibbli mill-aħjar istituzzjonijiet mediċi fl-oqsma rispettivi.   Il-Gvern jinvesti madwar miljun u nofs ewro fis-sena biex jipprovdi dan is-servizz lill pazjent, li jinkludi wkoll it-titjiriet, akkomodazzjoni u ikel tal-pazjent, trasport u naturalment il-kura neċessarja kif ukoll il-mediċini relatati mall-kura.  Il-Gvern ikopri wkoll l-ispejjeż relatati mal-użu ta air ambulance u l-professjonisti abbord, f’każijiet ta emerġenza.

Id-Dipartiment tas-Saħħa għandu wkoll ftehim ma Puttinu Cares u mas-Sorijiet Franġiskani sabiex il-pazjenti Maltin jiġu pproviduti b’akkomodazzjoni imħallsa mill-Gvern.  Hemm ukoll ftehim mal-Patrijiet Franġiskani li jinsabu f’Londra biex jiġi offrut ukoll servizz spiritwali kif ukoll interpreti biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta komunikazzjoni għal dawk li jkollhom bżonn.

Sena
Numru ta’ pazjenti
Episodji
2008
279
425
2009
296
474
2010
306
485
2011
314
474
2012 (up to 20.08.12)
261
361
Numru ta pazjenti u episodji ta kura li ingħataw fir-Renju Unit




Is-Sur Bernard Bonnici, li bbenefika minn kura barra minn pajjiżna qasam l-esperjenza tiegħu mall-mezzi tax-xandir.  Hu qal li minħabba problemi li esperjenza f’għajnejħ ġie stabilit li kellu bżonn kura speċjalizzata u beda jirċievi kura fi sptar f’Londra.  Is-Sur Bonnici qal li din is-sena diġa mar tmien darbiet Londra u filwaqt li għal bidu kellu bżonn imur kull gimgħa w nofs issa qiegħed jitla għal kura kull xahar.  “Bqajt impressjonat bis-servizz effiċjenti offrut.  Meta fittixt fuq l-internet indundajt li qed ningħata t-trattement mediku li għandi bżonn f’wieħed mill-aqwa sptarijiet fid-dinja, u minn wieħed mill-aqwa speċjalisti fil-qasam”, qal is-Sur Bonnici.  Hu faħħar il-ħidma li ssir mill-uffiċċali tal-Kummissjoni Għolja Maltija  f’Londra u rringrazzjhom tal-għajnuna prattika li jsib min għandhom waqt li jkun Londra.

Bernard Bonnici qal li t-trattement li qiegħed jirċievi qiegħed jagħti l-frott mixtieq u issa qiegħed iħossu ferm aħjar.  Hu rringrazzja lill kull min hu involut għax is-servizz huwa wieħed verament prattiku u professjonali li saħansitra jibqa għaddej hawn Malta, u membri mit-tim tat-Treatment Abroad saħansitra jinfurmawħ meta jkun wasal biex jordna aktar mediċina, li tiġi provduta lilu b’xejn.

Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-ħaddiema li jmexxu it-taqsima tat-Treatment Abroad tad-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid tal-pazjent.  Dr Cassar irrikonoxxa li l-ħidma ta dan id-dipartiment mhi faċli xejn, anke minħabba l-fatt li tvarja ħafna fin-natura tagħha.  Iżda grazzi għal perseveranza tal-ħaddiema il-pazjent jibbenefika mill-aqwa kura possibbli.


No comments:

Post a Comment