Id-dISKORS TIEGĦI Waqt it-tnedija tal-programm nazzjonali ta` screening tal-musrana l-kbira (Colorectal Screening), It-tlieta, 17 t’april, 2012 - valletta
Dan li qed nagħmlu llum huwa pass ieħor kbir fil-qasam tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Minn dejjem konna ċari fil-politika li se nadottaw fil-qasam tal-kura u prevenzjoni tal-kanċer. Kien għalhekk li fl-2009 nedejna l-ewwel programm ta’ screening fuq bażi nazzjonali – dak tal-breast screening.
Kif smajtu, illum għandna tim ta’ professjonisti li kisbu l-esperjenza neċessarja biex il-politika tagħna nkomplu nwettquha.
Qed ngħid dan, għax it-tfassil tal-politika ma tinkludix biss il-pjan u l-mezzi, imma tinkludi wkoll dak li huwa essenzjali f’kull servizz tas-saħħa – ir-riżorsa umana li tkun imħarrġa u ppreparata biex l-implimentazzjoni tkun tista’ ssir realtà mibnija fuq esperjenza u dedikazzjoni.
Il-programm nazzjonali ta’ breast screening, bħal ma kien mistenni, issarraf f’riżultati li jmorru ħafna aktar fil-fond minn sempliċiment numru. Meta nsemmu l-120 mara li bis-saħħa ta’ dan il-programm sibnilhom kanċer tas-sider, fil-fatt inkunu qed nitkellmu fuq 120 omm, oħt, bint jew il-mara ta’ xi ħadd.
Dan il-programm kien ir-riżultat tal-politika ċara li aħna adottajna, u, aktar minn hekk riżultat dirett tal-ħidma ta’ dawn il-professjonisti li hawn hawnhekk illum.
Ridna li nkomplu nintensifikaw il-ħidma tagħna fil-qasam. U għal darb’ oħra, konna ċari fil-politika tagħna, u ppubblikajna l-ewwel pjan nazzjonali għall-kanċer li qatt kellu pajjiżna. F’dan il-pjan għedna lil kulħadd fejn irridu naslu u x’irridu nagħmlu, iswed fuq l-abjad, b’mod li kulħadd jista jaqra u jkun jaf il-politika tagħna fis-settur.
Għalhekk illum, huwa ta’ pjaċir għalija, li bħala Ministeru għas-Saħħa, qiegħed inniedi dan it-tieni programm nazzjonali ta’ screening għall-pajjiżna – il-Colorectal Screening. Dan huwa programm li permezz tiegħu neżaminaw il-possibilità ta’ kanċer fil-musrana l-kbira
Il-kanċer fil-musrana l-kbira huwa t-tieni l-aktar kanċer komuni fil-gżejjer Maltin. Jaffettwa kemm irġiel u kemm nisa, u r-riskju jikber minn 50 sena ‘l fuq. Fis-sena 2010, instabu 232 każ ta’ kanċer tal-musrana (119 fl-irgiel u 113 fin-nisa) u kull sena jmutu madwar 100 ruħ minn din il-marda.
Bħalissa għaddejja ħidma, li tinvolvi taħriġ u loġistika ta’ preparazzjoni neċessarja biex f’Ottubru nibdew nistiednu n-nies għal dan l-iscreening. Fl-ewwel fażi se nistiednu nisa u rġiel li għandhom bejn 60 u 64 sena. Din hija l-età fejn insibu l-ogħla rata ta’ inċidenza ta’ din il-marda fil-gżejjer Maltin.
B’mod prattiku, tgħallimna mill-esperjenza u suċcess miksub mill-mudell tal-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-Sider, u permezz ta’ investiment li għamilna fis-sistemi ta’ informatika issa nistgħu nikkordinaw flimkien programmi oħra ta’ screening. L-istedina se tinbagħat id-dar bil-posta wara selezzjoni minn programm fuq bażi ta’ data ta’ twelid; b’hekk niżguraw trasparenza u ekwità.
Lil dawn il-persuni se nagħtuhom test li jissejjaħ – Faecal Occulty Blood Test – FOBT. Dan huwa test sempliċi li wieħed jista’ jagħmel fil-privatezza ta’ daru, u li permezz tiegħu, nistgħu nilqgħu għal din il-marda minn qabel.
Fi ftit kliem, it-test hu maħsub biex isib kwantitajiet, anke żgħar ħafna, ta’ demm fl-ippurgar. Dan jista’ jindika felul (polyps) li mbagħad ikun possibbli li jitneħħew qabel ma jevolvu f’kanċer u b’hekk titnaqqas l-inċidenza tal-marda. Jistgħu wkoll jinstabu sinjali ta’ dan il-kanċer fi stadju bikri.
Dan għandu jagħmel differenza kbira, għal fatt li l-fażi li matulha l-marda tista’ tinqabad qabel mal-persuna tħoss is-sintomi jew jara sinjali hija stmata li hi dik ta’ bejn sentejn u sitt snin.
Nies li jinstabilhom test pożittiv (jigifieri jinstabu traċċi ta’ demm fl-ippurgar) jiġu riferuti għal aktar testijiet wara li jingħataw il-pariri meħtiega.
Dawn it-testijiet jistgħu jinvolvu kolonoskopija (magħruf bħala l-istrument), testijiet tal-laboratorju u/jew mikroskopju, u testijiet oħra skont il-ħtiġijiet tal-individwu.
Se noffru wkoll l-opportunità li r-riżultati jintbagħtu wkoll lit-tobba tal-familja, dejjem b’kunsens tal-klijent. Nittamaw li programmi bħal dawn iservu ta’ opportunità sabiex ir-rwol tat-tabib tal-familja jkompli jissaħħaħ fil-komunità Maltija.
Dan il-programm ta’ screening hu servizz ieħor bla ħlas li l-Gvern Malti qiegħed joffri lill-poplu Malti u Għawdxi u hu mibni fuq il-Linji Gwida għall-Assikurazzjoni ta’ Kwalita’ għal screening u dijanjosi bikrija ta’ Kanċer fil-Musrana, kif stabbilit mill-Unjoni Ewropea.
Nappella min issa biex dawk kollha li jirċievu it-test jieħduġ bis-serjetà għax, kif għedt, dan jista’ jippermettielna li nevitaw problemi serji ta’ saħħa fi stadju bikri.
Nirringrazzja lill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan iċ-ċentru, li mhux biss huma professjonisti dedikati, imma wkoll jafu jagħmlu differenza kbira fil-kwalità ta’ ħajja ta’ ħafna persuni.
Grazzi.
No comments:
Post a Comment