Messaġġ tal-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor Dr Joe Cassar
F’dawn l-aħħar erba’ snin komplejna żidna s-servizzi tas-saħħa. Illum int tista’ tuża aktar minn 4,000 servizz tas-saħħa - servizzi ta’ kwalità għolja u li huma b’xejn.
Il-Gvern qed jinvesti aktar minn miljun ewro kuljum biex int, f’kas ta’ bżonn, issib servizz qrib tiegħek jew f’wieħed mill-isptarijiet tagħna.
Illum qed noffru servizzi ta’ kura primarja viċin tiegħek fi tmien ċentri tas-saħħa u 42 berġa. Is-sena li għaddiet offrejna ‘il fuq minn miljun servizz, li fost l-oħrajn kienu jinkludu eżamijiet mediċi minn tobba, kemm fil-post u anke fid-dar tal-pazjent.
Żidna il-lista ta’ mediċini b’xejn li int tista’ tiġi bżonn. Illum noffru aktar minn 1,300 tip ta’ mediċina differenti b’xejn. Permezz tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek, 76,000 persuna qed jiġbru l-mediċini tagħhom b’xejn minn spiżerija li jagħżlu huma.
Irduppjajna il-mard kroniku inkluż fil-kartuna s-safra. Dan ifisser li issa aktar minn 124,000 persuna huma intitolati għall-mediċini b’xejn.
Jien persważ li int, sfortunatament, taf lil xi ħadd li ltaqa’ mal-marda tal-kanċer. Anke hawnhekk, ħadna azzjoni.
Żidna l-mediċini kontra l-kanċer, investejna f’apparat tar-raġġi aktar modern, u qed nibnu Ċentru ġdid għall-kura tal-kanċer. Fl-2009 bdejna l-ewwel programm nazzjonali ta’ screening – dak tas-sider – u li permezz tiegħu diġa` salvajna l-ħajja ta’ aktar minn 117-il mara – omm, oħt, bint jew il-mara ta’ xi ħadd – li kieku ma kienx għal dan il-programm x’aktarx kienu jindunaw tard wisq. Issa se jibda jsir screening għall-kanċer tal-musrana.
Fl-isptar Mater Dei żidna l-kura, it-tip ta’ operazzjonijiet li jsiru u l-eżamijiet mediċi li qed noffru lill-pazjenti. Fil-fatt, is-sena li għaddiet il-professjonisti u l-ħaddiema tal-isptar Mater Dei wasslu aktar minn 9 miljun servizz, b’xejn, lil kull min kellu bżonn.
Komplejna nnaqsu iż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet u xahar wara l-ieħor qed inżidu n-numru ta’ pazjenti li jiġu operati fl-isptar. Is-sena li għaddiet saru aktar minn 43,000 operazzjoni, li hija żieda ta’ 11,000 operazzjoni fuq l-aħħar sena tal-isptar San Luqa.
Għamilna ftehim mal-privat dwar proċeduri differenti bħall-MRI u l-Katarretti.
Bl-operazzjonijiet ġodda li qed ngħamlu, qed issir differenza kbira fil-ħajja tan-nies. Dan jafu sew dak iż-żgħażugħ li għall-ewwel darba, wara operazzjoni innovattiva fl-isptar Mater Dei, jista’ jiċċaqqlaq kif irid, wara li snin ilu ltaqa’ mal-marda tal-parkinsons. Dan jafu sew il-missier li issa jista’ jisma lill-ibnu wara li saritlu dik li tissejjaħ il-bionic ear.
Investejna wkoll fit-taħriġ.
Tiftakar meta t-tobba ġodda Maltin kienu jsiefru biex jispeċjalizzaw, u mbagħad jagħżlu li jibqgħu barra minn pajjiżna? Illum biddilna kompletament l-istorja, u l-maġġoranza tat-tobba Maltin qed jibqgħu jistudjaw hawn – f’pajjiżna. Anzi, illum, bil-maqlub ta’ dak li kien jiġri qabel, għandna tobba barranin li qed jiġu jistudjaw hawn Malta .
Din is-sena wkoll se jkollna aktar minn 200 infermier ġdid, u professjonisti oħra li se jiggradwaw fix-xhur li ġejjin.
Dan il-Gvern dejjem kien ċar fil-politika tiegħu dwar is-saħħa. B’dak li għamilna, il-Gvern u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, illum pajjizna hu rikonoxxut bħala wieħed mill-pajjiżi li jinsabu fuq quddiem nett fis-servizzi mediċi li joffri. U d-determinazzjoni tagħna hi li nkomplu nżidu u ntejbu s-servizzi għalik.
Il-Gvern japprezza l-ħidma tal-professjonisti u l-ħaddiema kollha li ħafna drabi issir fil-kwiet u mingħajr daqq tat-trombi. Grazzi.
Saħħtek priorita’ - Saħħtek għal Qalbna!
Grazzi
Dr Joe Cassar
Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità
No comments:
Post a Comment