Monday, 2 April 2012

IS-SENA LI GĦADDIET INGĦATAW AKTAR MINN MILJUN SERVIZZ MID-DIPARTIMET TAL-KURA PRIMARJA

Investiment ta’ nofs miljun ewro fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta

Aktar minn miljun servizz ingħataw lill-pazjenti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja minn tmien Ċentri tas-Saħħa u 42 berġa.  Dan seħħ is-sena li għaddiet permezz ta’ diversi servizzi offruti minn dan id-Dipartiment, ewlieni fosthom is-servizz ta’ tabib, li s-sena li għaddiet kien l-aktar wieħed użat.  Fil-fatt, it-tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa eżaminaw 427,725 persuna li jfisser żieda ta’ 129,104 persuna fuq l-2008. Żdiedet ukoll il-ħidma tat-tobba fil-bereġ u filwaqt li fl-2008 saru 155,187 viżta, fl-2011 dawn telgħu għal 192,229.


It-tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa fl-2011 għamlu wkoll 12,555 viżta fid-djar minħabba li l-pazjenti ma setgħux joħorġu.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Dr. Joe Cassar, waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.  Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-professjonisti u ħaddiema li ta’ kuljum iwasslu s-servizzi tal-kura primarja fiċ-ċentri tas-saħħa, bereġ u anke fid-djar tan-nies. Il-Ministru ħabbar ukoll id-dettalji ta’ proġett estensiv ta’ tisbiħ fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, li se jsir b’investiment ta’ nofs miljun ewro.

Hu qal li s-sena li għaddiet twasslu aktar minn 160,000 servizz minn dan iċ-ċentru (ara t-tabella fit-tmiem ta’ din l-istqarrija) u li dan il-proġett ser isir bl-iskop li l-pazjent ikun jista’ jinqeda f’ambjent isbaħ filwaqt li l-professjonist jaħdem f’ambjent aktar komdu.  Il-Ministru qal ukoll li matul dawn l-aħħar jiem is-servizz ta’ x-ray f’dan iċ-ċentru beda jiġi offrut fuq bażi ta’ 24 siegħa. Il-proġett ta’ tisbiħ se jippermetti wkoll żieda fis-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru. Fil-fatt iċ-ċentru se jinkludi plastering room u wkoll operating theatre li ser jintuża għal interventi żgħar.

Brian St. John, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), li qed imexxi l-proġett, qal li l-Fondazzjoni hija responsabbli mit-tmexxija ta’ diversi proġetti, bħal ma kienu t-tisbiħ ta’ Zammit Clapp u xogħlijiet tal-bunker li fih tqiegħed il-linear accelerator fl-Isptar Sir Paul Boffa.  Brian St. John qal li x-xogħlijiet fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta se jinkludu tisbiħ radikali tal-post, bis-sistemi tal-elettriku u tal-ilma b’kollox kif ukoll tqassim aħjar taċ-ċentru. Hu qal li filwaqt li t-tenders relatati diġà ħarġu, il-proċess kollu mistenni jieħu madwar erba’ xhur minn meta jitlesta l-proċess ta’ aġġudikazzjoni u jingħataw it-tenders u għandu jkun lest sal-aħħar tas-sena. 

Edward Borg, il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, spjega li waqt li se jkun għaddej il-proġett, il-maġġoranza tas-servizzi li llum qed jingħataw mill-Mosta se jingħataw miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara filwaqt li s-servizz ta’ tabib u nurse se jkun qiegħed jiġi offrut fil-Mosta stess. 

Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità se jkun qiegħed jinforma lill-pubbliku b’din il-bidla ladarba jibda x-xogħol.

Tabella dwar servizzi mogħtija miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta:

Mosta Statistics 2011





Clinic
Totals

General Practitioner
39180

Treatment Room
23292

Diabetes
2268

Home visits
3096

Medical Consultant clinic
3084

Well Baby
2012

Gynae
1848

ECG
1464

Schedule V
1476

Blood Investigations
24192

Anti Coagulant Clinic
12696

Physiotherapy
4716

Podiatry
10800

Gluacoma
2400

Ophthalmic
1200

X-Rays
8060

Prescription Clinic
22464



No comments:

Post a Comment