Tuesday, 11 September 2012

L-Oppożizzjoni tipprova xxekkel il-pożittiv li qiegħed joħroġ mill-konferenza tal-WHO

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ


L-Oppożizzjoni tipprova xxekkel il-pożittiv li qiegħed joħroġ mill-konferenza tal-WHO

F’attentat biex ixxekkel il-kummenti pożittivi li pajjiżna qiegħed jikseb waqt il-konferenza tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li qed issir f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni illum sejħet konferenza tal-aħbarijiet oħra biex tkompli tmaqdar il-ħidma ta’ eluf ta’ professjonisti tas-saħħa.

F’dik li sfortunatament kienet mossa prevedibbli, filwaqt li għandna professjonisti ta’ fama li qed ifaħħru dak li inkiseb mill-professjonisti Maltin b’riżultat tal-politika tal-Gvern, l-Oppożizzjoni qed tkompli tippersisti b’dak li issa drajna; tmaqdir biss.

Għal darb’oħra, wara daqstant snin il-kelliema għall-Oppożizzjoni ma tkellmitx dwar politika u, bħas-soltu evitat li tersaq lejn xi argumenti li jistgħu iservu ta’ bażi għal politika fil-qasam tas-saħħa.

Filwaqt li l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani għandu pjanijiet biex jiżdiedu is-sodod fil-komunità, fil-ġimgħat li ġejjijn se jinħareġ tender li finalment se jwassal biex tinħoloq sistema teknoloġika li permezz tagħha t-tobba tal-familja ikunu jistgħu jordnaw mediċini li huma imniżżla fil-formolarju tal-Gvern (mediċini b’xejn).  Fil-mument it-tobba tal-familja diġà jistgħu jibdlu dożi ta’ dawn il-mediċini.

L-Oppożizzjoni naqset milli tirrikonoxxi li l-fatt li qed jiżdiedu l-operazzjonijiet qed ifisser li aktar persuni qed jiġu operati malajr.  Fil-qasam tal-ortopedija biss iż-żieda fin-numru ta’ operazzjonijiet hi waħda sostanzjali.  Fil-fatt filwaqt li fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet saru 2,235 operazzjoni minn dan id-dipartiment, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena saru 2,658 operazzjoni, li jfisser żieda ta’ 423 operazzjoni.

Il-Gvern iħabbar ukoll li għal darb’oħra intlaħaq ftehim biex aktar eżamijiet tal-MRI jiġu outsourced u jsiru fil-privat, mingħajr ħlas għall-pazjent.

Dwar il-professjonisti imsemmija waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, inħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Public Service Commission, li qed tiġi proċessata. 

Is-servizzi tas-saħħa lokali ħadu spinta qawwija ‘il quddiem grazzi għal politika li wasslet biex il-Gvern, anki f’nofs leġislatura, jiddikjara b’mod ċar dak li jixtieq jagħmel.  Għalhekk illum pajjiżna għandu politika ċara dwar is-saħħa sesswali, l-obeżità, u l-kanċer fost affarijiet oħra.   Huwa għalhekk li pajjiżna għandu biex ikun kburi li, anke waqt il-konferenza tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-Direttur Reġjonali rreferiet għal Malta bħala role model għal pajjiżi Ewropej.   Iżda dan iċ-ċertifikat ma ntgħoġobx mill-Oppożizzjoni. 

No comments:

Post a Comment