Diskors mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Hon Joe Cassar fl-okkażjoni tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn id- Dipartiment tas-Saħħa f’Malta u Brighton and Sussex University Hosipitals fir-Renju Unit dwar kooperazzjoni għat-taħriġ ta’ tobba li qed jispeċjalizzaw f’diversi oqsma
Sinjuri,
Huwa ta pjaċir għalija li inħabbar ftehpm ieħor li minnu se jgawdi l-pazjent.
Dan il-ftehim li ser ikun is-sitt wiehed tax-xorta tiegħu, huwa intiż li jagħti aċċess lil tobba Maltin li bħalissa qed jispeċjalizzaw f’diversi speċjalitajiet tal-Medicina u l-Kirurgija biex ikomplu t-taħrig tagħhom għall-perjodu ta’ bejn sitt xhur u sena fir-Renju Unit. Dan il-perjodu ta’ tahrig barra minn Malta huwa rikjest f’numru ta’ kurrikuli f’diversi specjalitajiet.
Permezz ta’ dan il-ftehim, kull sena numru ta’ tobba Maltin ser ikunu jistgħu ikomplu jistudjaw u jaħdmu f’wieħed mill-isptarijiet ta’ Brighton and Sussex University. Dan il-perjodu fir-Renju Unit ser ikun qed jgħinhom fl-istudji u x-xogħol tagħhom sabiex meta jiġu lura Malta ikunu ħadu esperjenza u taħriġ tal-għola livell.
Dan il-ftehim huwa wkoll turija ta’ kemm istituzzjonijiet fir-Renju Unit huma konvinti mill-livell għoli ta’ taħrig lokali għat-tobba tagħna, tant li huma lesti li jilqghu fi ħdanhom dawn it-tobba fl-iqsar żmien possibli. Fi Brighton bħalissa hemm diġa trainee mill-Kirurgija, kif ukoll żewġ tobba mill-Ginekoloġija u anki oħrajn fil-Pedjatrija li telgħu iktar kmieni din is-sena permeżż tar-rapporti tajbin li jeżistu bejn id-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta u din l-istituzzjoni fir-Renju Unit.
Sakemm ikunu barra minn xtutna dawn it-tobba qed ikollhom ukoll iċ-ċans li jattendu korsijiet relatati mal-ispeċjalizazzjoni anki f’Universitajiet barranin, bħal tobba oħra li ikunu qed jispeċjalizzaw fl-istess pajjiż.
Minn tliet snin ‘l hawn, kull sena numru ta’ tobba ibbenefikaw minn arranġamenti simili fosthom ma’ KU Leuven fil-Belgju, l-Universita ta’ Oxford fir-Renju Unit, Grampian fl-Iskozja, Kent u anki Northampton fir-Renju Unit, kif ukoll fiċ-Ċentru Internazzjonali ta’ ISMETT f’Palermo.
Permezz ta’ kull ftehim eżistenti u oħrajn futuri ser ikompli jogħla l-livell ta’ taħriġ għat-tobba Maltin li ikunu qed jispeċjalizzaw, billi jingħataw ċans jaħdmu u jistudjaw fuq l-ahhar żviluppi fil-Medicina u l-Kirurġija, kif ukoll fuq każijiet li mhumiex komuni f’Malti. B’hekk ikun qed igawdi l-pazjent Malti li ser ikompli ikollu servizz ta’ saħħa u tobba speċjalizzati ta’ l-aqwa kwalita’.
It-taħrig lokali ta’ specjalizazzjoni ser ikun qed jibbenefika wkoll minn opportunitajiet ġodda ieħor fosthom permezz ta’ videoconferencing u anki e-learning.
Malta tgawdi wkoll rapport tajjeb ħafna ma’ numru ta’ istituzzjonijiet barranin rinnomati f’oqsma diversi tal-edukazzjoni u formazzjoni ta’ specjalisti fosthom King’s College f’Londra fejn bhalissa hemm ukoll tobba Maltin li qed jieħdu training speċjalizzat fl-Endoskopija u oqsma oħra.
Minn dan kollu se jibbenefika il-pazjent. Nirringrazzja minn qalbi lill kull min kien involut.
Dr Joe Cassar
No comments:
Post a Comment