Tuesday, 18 December 2012

Il-pazjent igawdi minn aktar servizzi fil-komunita - Berġa ġdida fl-Ibraġġ.




Dalgħodu infetħet uffiċċjalment berġa oħra fl-Ibraġġ fil-bini ta madwar il-Knisja.  Din il-berġa ingħaqdet mal-lista ta 42 berġa oħra li d-Dipartiment tal-Kura Primarja għandu f’lokalitajiet differenti. 
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Joe Cassar qal li l-Gvern għaraf mill-bidu li l-iżvilupp fil-kura primarja hija essenzjali biex tissaħħaħ, is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.  “Il-Politika tagħna f’dan il-qasam kienet ċara, u dan wassal għal titjib fis-servizz. Fil-fatt qed naraw żieda fl-użu tas-servizzi tal-kura primarja.  Biżżejjed ngħidu li s-sena li għaddiet ingħataw aktar minn miljun servizz (għal popolazzjoni ta inqas minn nofs miljun) mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, li 155,000 servizz minnhom ingħataw fil-bereġ” qal il-Ministru Cassar.
Joe Cassar qal l-Kura Primarja qed tissaħħaħ b’diversi mezzi.  Hu fakkar li bħalissa għaddej xogħol estensiv ta tisbiħ fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, fejn ladarba jitlesta x-xogħol se jkun hemm ukoll l-ewwel operating theatre għal operazzjonijiet żgħar li se jkunu jistgħu isiru fiċ-Ċentru tas-Saħħa.  Wasal biex jibda wkoll xogħol estensiv fuq iċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat li ser iwassal biex il-professjonist jaħdem f’ambjent aktar komdu filwaqt li l-pazjent jingħata servizz f’post aktar atrezzat.   
Qed isir ukoll  xogħol ta tisbiħ fil-Bereġ u tħabbar li issa jmiss jibdew xogħolijiet fuq il-bereġ ta Santa Luċia u Ħ’Attard.  Il-Ministru qal li sabiex il-persuni li għandhom id-downs syndrome jingħataw kura mill-istess professjonisti matul ħajjithom, infetħet Downs Syndrome clinic fiċ-ċentru tas-saħħa ta B’Kara.  Sar ukoll pass importanti hekk kif is-sistema tal-IT tal-Kura Primarja ġiet integrata ma dik tal-isptar Mater Dei. Dan ifisser inqas karti u servizz aktar malajr u effiċjenti. 
Filwaqt li rrimaraka li fadal xogfħol xi jsir, il-Ministru Cassar fakkar ukoll il-proposti li kienu saru sabiex jiġu żviluppati Regional Hubs fil-komunita li, flimkien ma numru ta kliniċi, is-servizz fil-komunita jieħu spinta l-quddiem.  Joe Cassar qal li l-iskop ewlieni hu dak li l-pazjent jinqeda f’lokalita qrib tiegħu.
Hu rringrazzja lill-Kappillan tal-Ibraġġ Fr Tony Agius li qiegħed jipprovdi il-bini fejn saret il-klinika, kif ukoll lis-Sindku tas-Swieqi is-Sur Noel Muscat.
Is-sur Muscat irringrazzja lill professonisti tas-saħħa li se jwasslu s-servizz fil-lokalita.  Hu qal li l-popolazzjoni tal-lokalita qegħdha dejjem tiżdied u għalekk din il-berġa se tkun tassew utli.  Hu qal li l-berġa eventwalment se tiċċaqqlaw biex tifforma parti miċ-ċentru ċiviku ġdid li qiegħed jinbena ftit il-bogħod mill-Knisja.


No comments:

Post a Comment