Wednesday, 24 October 2012

Diskors waqt l-għoti tal-premjijiet ta' prattika tajba 2012

Diskors mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Joe Cassar waqt l-għoti tal-Premjijiet ta’ Prattika Tajba 2012 mill-Awtorita Maltija għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol

Onorevoli Kollegi,

Kap Eżekuttiv,

Mistiednin distinti,


L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol għandha l-missjoni mportanti li tgħin biex il-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa, inkluż f’Malta, jkunu aktar siguri u ħielsa minn perikli mhux kontrollati. Ir-rwol ta’ din l-Agenzija huwa li tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol, u torganizza diversi kampanji edukattivi biex titqajjem kuxjenza akbar favur is-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiema. 

Din l-Aġenzija li twaqqfet fl-1996, tlaqqa` flimkien rappreżentanti  mill-Kummisjoni Ewropea, tal-Gvernijiet fl-Istati membri, organizzazzjonijiet ta` dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema. Fuq livell nazzjonali l-Aġenzija hija rappreżentata  minn dak li jissejjaħ network tal-Focal Points, li hawn Malta hija l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol.

Huwa bi ftaħir li nfakkar li fi żjara f’Malta iktar kmieni din is-sena, id-Direttur tal-Aġenzija Ewropea faħħret il-ħidma tal-OHSA-Malta, li hi stess iddeskriviet bħala membru attiv ħafna tal-Aġenzija Ewropea, u li tieħu numru ta’ inizjattivi innovativi.

Din is-sena it-tema li intagħżlet mill-Aġenzija Ewropea hija NAĦDMU FLIMKIEN BIEX NEVITAW IR-RISKJI.  Għalkemm il-management huwa primarjament responsabbli għas-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol,  huwa fatt li meta dan jinvolvi ruħu m`mod attiv mal-ħaddiema u mar-rapprezentati taghom, jinkisbu riżultati iktar effettivi.  

 Għal din ir-raguni, kull kumpanija trid tosserva żewg elementi ewlenin, dik li l-management jikkonsulta mal-ħaddiema  dwar il-qasam tas-sahha u s-sigurta` waqt li fl-istess ħin il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jipparteċipaw billi jaqsmu l-ideat u billi jaħdmu u jikkopperaw b`mod attiv mal-management.

Huwa nkoraġġanti l-fatt li din is-sena kien hemm parteċipazzjoni kemm minn kumpaniji u organizzazjonijiet li jimpjegaw aktar minn 100 ħaddiem kif ukoll minn oħrajn li jimpjegaw anqas minn 100 ħaddiem.  Kien hemm anke firxa wisgħa ta` attivitajiet kummerċjali, minn kumpaniji tal-elettronika, għal dawk tal-farmaċija, avjazzjoni, kif ukoll parteċipazzjoni minn Dipartiment tal-Gvern. 

Jien f`isem il-Gvern nixtieq nifraħ lil dawn il-kumpaniji u kumpaniji oħra għall-investiment li qegħdin jagħmlu biex  jimplimentaw miżuri nnovattivi ta` sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol, li wara kollox, huwa nvestiment fir-riżorsi umani tagħhom. Din hija attitudni li għandha tkun ikkupjata minn oħrajn.  Għalhekk huwa xieraq li inizjattivi bħal dawn jiġu rikonoxxuti permezz ta’ din iċ-ċerimonja, kif ukoll permezz ta’ dan il-premju prestiġġjuż.  Jiena konvint li l-livell tal-eżempji ta` prattika tajba li kienu sottomessi din is-sena minn dawn il-kumpaniji Maltin, ser jikkompetu bis-sħiħ ma’ dawk l-eżempji li ser ikunu sottomessi minn kumpaniji oħra fil-kumplament ta` l-Ewropa.  Għalhekk nawgura lil-dawn il kumpaniji kull suċċess għall-futur.

Ma nixtieqx nagħlaq dan l-intevent qasir tiegħi,  mingħajr ma nifraħ u nirringrazzja lill-management u l-ħaddiema kollha fi ħdan l-Awtorita Maltija għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol għall-ħidma taghhom u l-impenn sħiħ biex jippromwovu s-saħħa u s-sigurta fost il-ħaddiema tagħna.

Grazzi u prosit.

Joe Cassar
Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita

No comments:

Post a Comment