Bl-intenzjoni li jiġi investigat aktar fil-fond ir-raġuni ta’ mard respiratorju fil-gżejjer Malti, il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita qiegħed jagħmel ko-finanzjament ta proġett imsejjaħ RESPIRA, li permezz ta fondi Ewropej qiegħed ukoll jeżamina il-kwalita tal-arja li huma esposti għaliha tfal minn 11 sa 14-il sena u l-ġenituri tagħhom.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Joe Cassar qal li l-proġett inbeda lejn tmiem Frar ta din is-sena u kien ispirat minn studji ppublikati minn Dr Martin Balzan u Profs. Stephen Montefort li wrew prevalenza għolja ta’ ażma ta’ bejn 10 u 12% fost it-tfal u l-kbar. L-istess stuji urew li hemm ukoll madwar 25% li jkollhom xi forma ta’ sintomi respiratorji waqt li ‘l fuq minn 40% jgħidu li kellhom Hay Fever (sintomi ta’ allergiji fl-imnieher).
Peress li studji barra minn Malta urew li tniġġis ambjentali, speċjalment trab fin, magħruf bħala ‘Particulate Matter’ jista jikkawża u jiggrava mard respiratorju, f’Malta qed isir dan l-istudju f’sitt skejjel fuq tfal (ġuvintur u xebbiet) ta’ bejn 11 u 14-il sena. Il-Ministru Cassar qal li sa issa saru studji fil – Kulleġġ San Ġorġ Preca, Liċeo tas-Subien, Ħamrun u Kulleġġ San Inazju, Liċeo Maria Reġina tal-Bniet, Ħamrun. F’dan l-istudju ġew pprovduti kampjuni tan-nies li jgħixu fiż-żona ċentrali ta’ Malta . Sa issa kien hemm parteċipazzjoni għolja, sew mit-tfal u l-ġenituri tagħhom, kif ukoll mill-għalliema u l-istaff amministrattiv tal-Kulleġġi.
Sa issa nġabru l’fuq minn 400 Kwestjonarju miż-żewġ Kulleġġi u sar moniteraġġ dettaljat ta’ l-arja interna f’numru ta’ klassijiet b’apparat sofistikat li nxtara bil-fondi li ngħataw permezz tal- Programm Operattiv Italia – Malta 2007 – 2013.
Il-Ministru Joe Cassar qal li l-pass li jmiss hu dak li jsir moniteraġġ fil-Kulleġġi ta’ Santa Margerita ġewwa l-Liċeo tas-Subien, f’Bormla u l-liċeo tal-bniet, fiż-Żejtun fejn se jinġabru kampjuni għall-inħawi tan-nofsinnhar ta’ Malta , speċjalment fiż-żoni urbani ta’ madwar il-Port il-Kbir.
Dr Martin Balzan qal li RESPIRA, li qiegħed isir b’kollaborazzjoni ma istituzzjonijiet tas-saħħa Taljani, huwa ffinanzjat mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita (15%) u mill-Fond Ewropew Għall-Iżvilupp Reġjonali, Italia Malta 2007 - 2013 (85%). Dr Balzan qal li, apparti l-kwestjonarji, l-istudju qed isir ukoll bil-għajnuna ta apparat modern li jista jkejjel ħafna minn dawk li huma maħsuba li huma l-kaġun ta mard respiratorju. Filwaqt li spjega kif dan l-appart qiegħed jaħdem u jiġbor l-informazzjoni meħtieġa, se jkun jista jagħti informazzjoni utli lill professjonisti tas-saħħa dwar il-kawża ta mard respiratorju.
Hu appella għall-kollaborazzjoni ta dawk kollha li ser jiġu avviċinati biex jieħdu sehem fl-istudji.
Il-Ministru Cassar qal li bis-saħħa tal-imsieħba tal-proġett ser ikunu jistgħu jitqabblu ir-riżultati miksuba. Dan ukoll jiddetermina x’passi jistgħu jittieħdu f’dan ir-rigward. Hu rringrazzja lil familji kollha li pparteċipaw s’issa, filwaqt li nappella lil familji ta’ dawn l-iskejjel fejn se jsir l-istudju sabiex juru l-istess kooperazzjoni.
No comments:
Post a Comment