Friday, 12 October 2012

Teatru tal-Operazzjonijiet dedikat għad-dipartiment tal-emerġenza

Teatru tal-Operazzjonijiet dedikat għad-dipartiment tal-emerġenza
Ikomplu jiżdiedu in-numru ta operazzjonijiet li jisru fl-iSptar Mater Dei

Id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-iSptar Mater Dei issa għandu teatru għall-operazzjonijiet kompletament dedikat għall-proċeduri ta emerġenza.  Dan ħabbru il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar ukoll li in-numru rekord ta operazzjonijiet li jisru f’dan l-iSptar qed ikomplu jiżdied.

Il-Ministru Cassar qal li l-politika tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa hi waħda ċara – dik li l-pazjent jiġi offrut servizz tas-saħħa ta kwalita tajba.  Il-Ministru qal li huwa għalhekk li l-isptar kontinwament jibni fuq l-esperjenza miksuba mill-passat, u b’hekk jissaħħu s-servizzi li jiġu offruti.  Filwaqt li rringrazzja lill professjonisti u l-ħaddiem li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza, Dr Cassar qal li dawn il-professjonisti li jiltaqgħu mall-pazjent, u ma qrabatu, f’mumenti fejn l-emozzjoni tirbaħ.  Il-ħidma f’dan id-dipartiment tirrikjedi ħafna dedikazzjoni u paċenzja u huwa xogħol li jixhed il-vokazzjoni fil-professjoni.

Id-Dipartiment tal-Emerġenza jaħdem purament fuq bażi ta priorita skont il-każ.  Il-Ministriu qal li l-immedjatezza hi importanti għall-pazjent u fil-fatt il-pazjenti li jkunu ġenwinament ta emerġenza jiddaħħlu minnufiħ għall-kura.  Filwaqt li l-isptar minn dejjem kellu sistema li permezz tagħha ikun hemm aċċess għall-teatru tal-operazzjonijiet b’mod immedjat f’każ ta bżonn, il-fatt li issa hemm teatru li se jkun għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tal-emerġenza, se joħlow sistema aktar prattika u garanzija li l-operazzjonijiet ippjanati ma jiġux affettwati. 

Dr David Cassar, Medical Director tal-iSptar Mater Dei qal li għal darb’oħra ġiet reġistrata żieda fin-numru ta operazzjonjiet li qed isiru fl-iSptar.  Bejn Jannar u Awwissu ta din is-sena saru total ta 30,500 operazzjoni differenti li huwa żieda ta, 1,580 operazzjoni fuq l-istess żmien tas-sena li għaddiet. 

Din iż-żieda tkompli tibni fuq dak li kien miksub fis-snin ta qabel.  Matul it tnax-il xahar tas-sena li għaddiet kienu saru total ta’ 43,747 operazzjoni li kienet żieda ta 1,952 operazzjoni fuq is-sena ta’ qabel u żieda ta 11,000 operazzjoni fuq l-aħħar sena tal-isptar l-antik San Luqa.


No comments:

Post a Comment