Thursday, 29 March 2012

Proċedura innovattiva fl-Isptar Mater Dei tgħati ħajja mill-ġdid lill-pazjenti li ma setgħux jiġu operati.

Proċedura innovattiva fl-Isptar Mater Dei tgħati ħajja mill-ġdid lill-pazjenti li ma setgħux jiġu operati.

Matul dawn l-aħħar sentejn fl-iSptar Mater Dei bdiet issir dik proċedura li tissejjaħ Trans Aortic Valve Implantation – TAVI, proċedura innovattiva li matulha tiġi imdaħħla molla fl-Aorta sabiex din tinfetaħ.

Profs. Albert Fenech, Konsulent Kardjologu, spjega li is-sistema taħdem permezz ta’ molla li tiddaħħal mill-femoral artery permezz ta catheter. Ladarba il-molla titwassal fil-valve tal-qalb din tinfetaħ permezz ta’ bużżieqa u titqiegħed f’postha.  Ladarba dan iseħħ, titniżżel il-bużżieqa  u jitneħħa il-catheter, filwaqt li l-molla tibqa f’posta.

Il-Professur Fenech qal li f’Malta diġa saru 20 proċedura ta TAVI, filwaqt li ser isiru żewġ proċeduri oħra fil-ġimgħat li ġejjijn.  Hu qal li proċedura simili tiswa madwar €24,000 kull waħda u issir għall pazjenti li minħabba problemi ta saħħa, normalment ikkawżati minn eta avvanzata, ma jkunux jifilħu għall-open heart surgery. Permezz tat-TAVI dawn il-pazjenti qed jgħixu għal aktar snin.

Il-Professur Fenech appella lill pubbliku biex ikun aktar konxju dwar saħħtu. Hu qal li d-dijabete u l-piż żejjed jikkontribwixxu biex is-saħħa tal-persuna tmur lura drastikament.  Prof Fenech qal li dejjem tajjeb li wieħed jieħu ħsieb saħħtu għax dan ikun ifisser inqas problemi ta saħħa u inqas bżonn ta interventi fuq il-ġisem tal-bniedem. Kif kien tħabbar waqt it-tnehdija tal-istrateġija kontra l-obeżita, huwa stmat li l-obeżita tiswa lill-pajjiż madwar €25 miljun fis-sena f’servizzi mediċi. 

Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Dr Joe Cassar fisser kif it-TAVI hija biss waħda minn numru ta proċeduri ġodda li qed iseħħu fl-iSptar Mater Dei.  Hu rringrazzja lill-Profs Fenech u it-tim ta professjonisti li jaħdmu flimkien biex, jgħinu lill-pazjent, anke bl-assistenza ta teknoloġija simili. 

Joe Cassar qal li mhux biss Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi li qed toffri din il-proċedura partikolari imma il-professjonisti Maltin se jużaw l-esperjenza miksuba biex jgħallmu lill-professjonisti oħra tas-saħħa fir-Rumanija, sabiex hemm ukoll tkun tista tibda ssir it-TAVI.

Hu qal li dan jikkonferma il-viżjoni tal-Gvern għal qasam tas-saħħa fejn permezz ta ppjanar serju u fit tul fl-Isptar qed jiġu offruti proċeduri li litteralment qed isalvaw il-ħajja ta aktar persuni filwaqt li jevitaw il-bżonn li pazjenti Maltin isiefru għall-kura li jkollhom bżonn.   Il-Ministru qal li id-diversi proċeduri jirrikjedu investiment qawwi ui kostanti, li l-Gvern qiegħed jipprovdi għall-ġid tal-pazjent.  Barra minn hekk, issa wasalna f’punt fejn professjonisti Maltin qed jgħallmu professjonisti barranin dwar kif għandhom isiru proċeduri differenti.  Dan seħħ ukoll fil-qasam tal-Breast Screening.




Tuesday, 27 March 2012

Mill-Parlament

Dan l-aħħar ġejt mistoqsi jekk sarux żidiet fin-numru ta konsulenti fl-isptar. 

Matul is-snin investejna fir-riżorsa umana.  Rajna kif għamilna biex inżidu mhux biss in-numru tan-nies imma wkoll il-livell ta kura.  Fil-fatt mill-2007 lil hawn żidna xejn anqas minn 38 konsulent ġdid fi speċjalizzazzjonijiet varji fosthom, fl-Ortopedija, Obstetrija u Ġinekoloġija u wkoll fid-Dentistrija u Kardjoloġija fost oħrajn

Kont taf ?

Biss saħħa ta investiment fir- riżorsi umani komplejna inżidu in-numru ta’ servizzi li noffru fil-qasam tas-saħħa,  Illum il-ġurnata il-Gvern joffri aktar minn 4,000 servizz tas-saħħa b’xejn liċ-ċittadini Maltin. 

Il-lista hija magħrufa bħala in-National Healthcare Package.  Nistiednek tidħol fis-sit http://www.ehealth.gov.mt/ u tiskopri dak li int intitolat għalih, u fl-istess ħin issir taf aktar dwar is-servizzi tas-saħħa.

Monday, 26 March 2012

Pass ieħor importanti fil-qasam tas-saħħa...aktar mediċini b'xejn


Il-bieraħ ħabbart pass ieħor kbir fil-qasam tas-saħħa.  Filwaqt li l-Partit Laburista għadu qiegħed jgħid li naqqasna l-investiment fil-qasam tas-saħħa, ħabbart dak li konna ilna nippjanaw għal numru ta xhur.

Qed nitkellem dwar Schedule V - li hija skema li tiġbor fiha lista ta mard kroniku li għailhom wieħed ikun intitolat għal mediċini b'xejn. Dan ifisser li:

  • In-numru ta’ kundizzjonijiet meqjusa bħala mard kroniku, u li jintitolaw il-pazjenti għal mediċini b'xejn, ser jirduppjaw minn 38 għal 79.
  • Pazjenti li jbatu mid-Dimenzja issa se jkunu intitolati għal mediċini b'xejn kif kien imwiegħed.
  • Kundizzjonijiet kroniċi trattati taħt l-Iskeda II (dik magħrufa bħala l-kartuna r-roża) li jinkludu l-marda endokrinali tad-dijabete, u l-mard infettiv  bħat-Tuberkolożi, il-Lebbra u l-Polio issa wkoll ġew elenkati taħt l-Iskeda V (dik magħrufa bħala l-kartuna s-safra). 

  • Pazjenti bi problemi psikjatriċi kroniċi, bħal per eżempju disturbi fil-burdata (inkluż id-dipressjoni), disturbi newrotiċi, u disturbi psikjatriċi li jibdew fit-tfulija, issa se jibbenefikaw ukoll mid-dritt għall-mediċini b'xejn.
Il-Lista sħiħa, u aktar informazzjoni tista tinkiseb minn:


L-investiment fis-saħħa din is-sena se jerġa’ jiżdied. Dott Muscat jgħawweġ il-fatti


STQARRIJA MILL-MINISTERU GHAS-SAHHA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA


L-investiment fis-saħħa din is-sena se jerġa’ jiżdied.   Dott Muscat jgħawweġ il-fatti

Dott Muscat reġa qed jgħawweġ il-fatti dwar il-qasam tas-saħħa.   Minkejja li ġie spjegat kemm-il darba li l-investiment fis-saħħa din is-sena żdied b’ €29 miljun, fuq is-sena li għaddiet Dott Muscat qed jibqa jinsisti li l-investiment fis-saħħa se jonqos.   L-investiment totali fis-saħħa għal din is-sena hu €405.4 miljun, jiġifieri €29 miljun aktar mis-sena li għaddiet. 

Dott Muscat għażel ukoll li, għal darb oħra jattakka t-tmexxija tal-isptar permezz ta’ tmaqdir kostanti.  Dan jistona bil-kbir ma’ dak li qalu esperti Amerikani li matul dawn l-aħħar jiem faħħru t-tmexxija tal-isptar wara xhur jeżaminaw bir-reqqa s-sistemi u l-proċessi adottati fl-iSptar Mater Dei.

Il-Gvern hu sensittiv għal ħtiġiet tal-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk qed iżid is-servizzi tas-saħħa.  Biż-żieda fis-servizzi tal-kura primarja, 427,725 pazjent ġew eżaminati mit-tobba taċ-ċentri tas-saħħa u 155,187 pazjent li ġew eżaminati fill-bereġ.  12,555 pazjent li ġew eżaminati f’darhom stess mit-tobba taċ-ċentri tas-saħħa jafu wkol kemm dan is-servizz huwa komdu.

Il-Ministeru qed jippubblika wkoll din it-tabella li turi s-servizzi differenti li ngħataw matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tal-kura primarja:


Servizzi
2011
Klinika tad-Dijabete
14,282
Ġinekoloġija / Obstetrija
8,016
Well Baby Clinic
6,212
Nursing Care (treatment room)
194,512
Podjatrija
78,073
Speech Language pathology
34,627
Testijiet tad-demm
92,809
Fiżjoterapija
30,235
ECG
4,133
X-Rays
22266
Oftalmoloġija
2071
Glawkoma
4682
Consultant clinic
6284
Immunisation
Vaċċin għat tfal -  75680
Vaċċin tal-Influwenza -  74,592



Anke dwar il-kanċer, l-Oppożizzjoni tidher li mhix tinduna x’inhu għaddej. Saħansitra l-Oppożizzjoni maqdret il-bini taċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija fejn se jkun hemm total ta’ 96 sodda, 74 sodda in patient u 22 sodda fid-Day Care filwaqt li fil-preżent fl-iSptar Sir Paul Boffa hemm 27 sodda.  Dan, apparti l-ambjent modern u bl-assistenza tal-aħħar teknoloġija se jwassal għal kura aħjar f’dan il-qasam.

Il-Fatti juru mod li l-investiment mill-Gvern f’dan il-qasam baqa’ jiżdied sena wara l-oħra u l-ebda pjan tal-Gvern fil-qasam ma twaqqaf.  Anzi, is-servizzi ser ikomplu jiżdiedu hekk kif il-Gvern se jniedi programm ieħor ta’ screening aktar tard matul din is-sena  hekk kif se nkunu qed nistiednu rġiel u nisa ta’ bejn is-60 u l-64 sena biex kull sentejn jagħmlu test li jiddetermina jekk hemmx kanċer jew le fil-musrana. Dan se  jikkumplimenta il-programm nazzjonali ta’ screening tas-sider li bis-saħħa tiegħu sa tmiem is-sena li għaddiet kienu ġew salvati 117-il mara.

Sar ukoll investiment f’Għawdex permezz tad-Dipartiment tar-Radjoloġija li jfisser li pazjenti Għawdxin qed jagħmlu eżamijiet mediċi relatati fosthom CT Scan u screening tas-sider f’Għawdex stess.

Kompla wkoll jiżdied l-investiment fil-mediċini. Matul l-2011, il-Gvern reġa żied il-lista ta’ mediċini b’xejn li jintużaw għall-kura tal-kanċer.  Dan il-fatt jindika wkoll l-investiment dejjem jiżdied mill-Gvern fil-qasam tal-kanċer.  Fil-fatt, filwaqt li fl-2008 n-nefqa fuq il-mediċini tal-kanċer kienet ta’ kważi €4.5 miljun, dan l-investiment baqa’ jiżdied, u s-sena li għaddiet ġie kważi rduppjat għal €8,5 miljun.

Dan kollu jikkonferma li l-Oppożizzjoni mhix aġġornata dwar dak li qiegħed iseħħ fil-qasam tas-saħħa.

Strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontrol tat-tuberkulożi f’pajjiżna

Tnehdija tal-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontrol tat-tuberkulożi f’pajjiżna. Diskors tal-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Dr Joe Cassar, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat għat-Tuberkolożi. 

Kollegi, ħbieb,

Illum huwa il-Jum Dinji ddedikat għat-Tuberkulożi.  L-erbgħa w għoxrin ta’ Marzu tas-sena 1882, hija l-ġurnata meta t-tabib Robert Koch skopra l-mikrobu tat-tuberkulożi.  Dan kien l-ewwel pass fid-diagnosi u l-kura tat-tuberkulożi.  

F’din il-ġurnata nerġgħu nfakkru lin-nies illi l-marda tat-tuberkulożi għada teżisti fid-dinja u dwar x’qegħdin nagħmlu biex   nipprevenu, nikkontrollaw u nikkuraw din il-marda.

It-tuberkulożi reġgħet tfaċċat bil-qawwa fid-dinja.  Fil-pajjiżi sottożvillupati għada qed tikawża miljuni ta’ imwiet u mard kull sena.  Fis-sena 2010,         8.8 miljun persuna mardet bit-TB u 1.4 miljuni mietu b’din il-marda fid-dinja, l-aktar fil-pajjiżi foqra.  



Terz mill-popolazzjoni fid-dinja huwa nfettat bil-mikrobu tat-TB.  Anke l-Ewropa ġiet affetwata, u bejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet, ir-rata tat-tuberkulożi bdiet togħla f’diversi pajjiżi.  Din is-sitwazzjoni inkwetanti ġiegħlet l-għaqda dinija tas-saħħa biex tiddikjara t-tuberkulożi bħala emerġenza globali.
L- għan dinji tal-aqda Dinija tas-Saħħa hu li:

·        Inaqqas l-inċidenza tat-tuberkulożi sa 2015,
·        Inaqqas bin-nofs il-prevalenza u l-imwiet mit-tuberkulożi sa’ 2015,
·        Jelimina l-marda fid-dinja sa’ 2050.
·       
Din is-sena, il-jum dinji tat-tuberkulożi huwa ddedikat għat-tuberkulożi fit-tfal. Fid-dinja, mitejn tifel u tifla jmutu kuljum bit-tuberkulożi, għalkemm għandna kura effettva u rħisa għal din il-marda.  

L-aqda Dinija tas-Saħħa qegħda tirrakomanda illi t-tuberkulożi fit-tfal tingħata aktar attenzjoni u priorita fil-pajjiż.

F’Malta, t-tuberkulożi fil-Maltin qegħda tonqos imma fil-barrani żdiedet, kif ġara f’ħafna pajjiżi fl-Ewropa tal-punent fejn kellhom influss kbir tan-nies mill-pajji fejn it-tuberkulozi hija għolja.  Fis-sena 2011, tlieta u sebgħin fil-mija tal-każi tat-tuberkulożi ġewwa Malta kienu f’nies barranin.

It-tuberkulożi fit-tfal mhiex komuni ġewwa Malta imma xorta qegħdin insegwu r-rikomandazjonijiet tal-aqda Dinjija tas-Saħħa, u npoġġuwha fuq quddiem fl-attenzjoni tagħna .

B’dan f’moħħu, grupp tatobba u speċjalisti fis-saħħa ltaqa’ biex jiddiskuti dawn il-fatti u huma  rrikomandaw illi l-marda tat-tuberkulożi għanda tingħata priorita fpajijżna.  
Għaldaqstant, il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’, iddeċieda illi jniedi strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontrol tat-tuberkulożi f’pajjiżna.

Din l-istrateġija hija iffukata fuq sitt punti kardinali fejn nistgħu naħdmu biex nikkontrollaw din il-marda f’pajijżna.  Hemm sezzjonijiet fuq is-sorveljanza, l-immaniġġjar u t-trattament tat-TB.  

Biex din l-istrateġija tirnexxi għandna bżonn il-koperazzjoni ta’ kulħadd involut bħal infermiera u tobba, nies li jaħdmu fiċ-ċentri tal-immigranti, il-koperazzjoni tax-xogħol u taħriġ (ETC),  is-setturi non-governattivi u bnadi oħra.   

Hemm bżonn ukoll aktar għarfien mil-pubbliku fuq din il-kundizjoni.  

Il-kumitat li hejja din l-istrateġija sejjer jimplimenta din l-istrateġija biex jassigura li qeghdin insegwu r-rakkomandazjonijiet tal-aqda Dinija tas-Saħħa u naslu għall-miri li joħorġu minnha.  

Nirringrazzja lill kull min kien involut, u nawgura li din l-istrateġija ssib il-kooperazzjoni ta kulħadd.

Grazzi.

Friday, 23 March 2012

IKOMPLI JITNAQQAS IŻ-ŻMIEN TA’ STENNIJA GĦALL-OPERAZZJONIJIET

Ikompli jitnaqqas iż-żmien ta stennija għall-operazzjonijiet
Fi Frar saru 3,507 operazzjoni – żieda ta 121 operazzjoni fuq is-sena li għaddiet

Iż-żieda fl-ammont ta operazzjonijiet li qegħdin isiru kompliet anke fix-xahar ta Frar hekk kif matul dan ix-xahar saru total ta 3,507 operazzjoni li hija żieda ta 121 operazzjoni fuq is-sena li għaddiet u żieda ta’ 837 operazzjoni fuq l-istess xahar tal-2007, l-aħħar sena tal-isptar San Luqa.

Dawn id-dettalji ingħataw mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Joe Cassar, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-main recovery area tal-iSptar Mater Dei.  Filwaqt li ltaqa ma professjonisti varji li jaħdmu fit-teatri tal-operazzjonijiet u taqsimiet relatati, il-Ministru Cassar irringrazzja lill dawn il-professjonisti li bis-saħħa tal-ħidma tagħhom aktar persuni qegħdin jiġu operati filwaqt li qed jitnaqqas iż-żmien ta stennija.

Il-Ministru qal li s-sena li għaddiet kienet waħda li fiha saru 43,747 operazzjoni li huwa  żieda ta’ 1,952 operazzjoni fuq is-sena 2010 u żieda ta 11,000 operazzjoni fuq l-aħħar sena tal-iSptar San Luqa.  Filwaqt li dan kien riżultat tajjeb kien evidenti li kien se jkun diffiċli biex dan l-ammont jinqabeż matul din is-sena. Iżda l-fatti qed juru li grazzi għal-ħidma ta dawk kollha involuti, fix-xahar ta Frar ukoll kien hemm żieda sostanzjali ta operazzjonijiet.

L-istess kien seħħ fix-xahar ta Jannar meta saru 3,947 operazzjoni, żieda ta 302 operazzjoni fuq is-sena ta qabel.

Il-Ministru Joe Cassar fakkar li dawn iċ-ċifri huma persuni li issa qed jgħixu kwalita ta ħajja aħjar grazzi għall intervent li sarilhom f’iSptar tal-għola livell, mhux biss għax huwa modern u attrezzat b’teknoloġija avvanzata iżda fuq kollox għax fiħ iħaddan professjonisti li jaħdmu flimkien għall-ġid tal-pazjent.


Medja ta’ 336 operazzjoni fix-xahar mid-Dipartiment tal-Ortopedija tal-iSptar Mater Dei

Illum isiru operazzjonijiet speżjalizzati li qabel kienu jsiru barra minn pajjiżna, b’inqas inkonvenjent għall-pazjent u l-familjari.

Id-Dipartiment tal-Ortopedija fl-iSptar Mater Dei għamel 4,881 operazzjoni fl-isptar Mater Dei matul is-sena li għaddiet.  Ic-Chairman tad-Dipartiment Mr Ray Gatt qal li dawn l-operazzjonijiet jiswew bejn €3,000 u €8,000 kull waħda.  Hu qal ukoll li l-kura li qed tingħata f’pajjiżna illum il-ġurnata hija waħda mill-aħjar fl-Ewropa permezz tad-diversi interventi li jisru, fosthom operazzjoni fl-ispalla li huma operazzjonijiet speċjalizzati. 




Waqt żjara li l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita, Joe Cassar għamel fis-swali tal-Ortopedija fl-iSptar Mater Dei, iltaqa mall-professjonisti li huma wara s-suċċess miksub fil-qasam filwaqt u ma numru ta pazjenti li kienu qed jirkupraw minn operazzjonijiet varji. 

In-Nursing Officers tas-swali Orthopaedic 1 u 2, is-Sinjuri Robert Baldacchino u Stephen Azzopardi rispettivament, spjegaw il-kura li tingħata lill-pazjenti fis-swali.  Il-Minisru qal li matul is-sena li għaddiet medja ta 269 pazjent fix-xahar ingħataw il-kura f’dawn is-swali u sala oħra relatata.

Is-Sur Fenech, pazjent fis-Sala tal-Ortopedija 1, qasam l-esperjenza dwar l-operazzjoni li għamel ftit jiem ilu ta hip replacement u dwar il-kura li qed jirċievi fis-sala.  Filwaqt li rringrazzja lill Mr Gatt, li kien il-kirurgu li operaħ, hu qal li din l-operazzjoni reġgħet tatu ħajja mill-ġdid minħabba li l-uġieħ li kien qiegħed jesperjenza kien illimitatu l-liberta.  Hu qal li issa li qiegħed jirkupra mill-operazzjoni diġa qiegħed jippjana kif se jibqa jqatta l-ħin liberu tiegħu hekk kif qed iħossu li se jkun jista jerġa jibda jgawdi minn aktar awtonomija. Hu rringrazzja lill infermiera, il-fiżjoterapisti u l-ħaddiema kollha tal-isptar għall-kura li qed jagħtuħ.

Ray Gatt qal li l-aktar operazzjonijiet komuni huma dawk ta’ bdil tal-irkoppa, u hip replacement filwaqt li qed isiru wkoll operazzjonijiet fis-sinsla tad-dahar, l-għonq u l-ispalla. Mill-operazzjonijiet li saru is-sena li għaddiet kien hemm 2,214 proċedura li kienu ppjanati u 1,814 li kien proċeduri ta emerġenza.   Dawn tal-aħħaw huma kawża ta inċidenti varji, li jinkludu wkoll il-waqgħat li huma l-aktar kawża komuni qalb l-anzjani. Ħafna drabi, irrilevanti mill-eta, dawn l-operazzjonijiet ikunu jridu jsiru l-għada tal-inċident sabiex jiġi żgurat li l-pazjent ikun jiflaħ għall-operazzjoni.

Hu qal li llum qed isiru wkoll operazzjonijiet fis-sinsla tad-dahar li qabel kienu jsiru barra minn pajjiżna.  Dawn isiru b’metodi varji fosthom anke permezz ta key hole surgery li huwa metodu li ma jħallix ħafna marki permanenti filwaqt li joħloq inqas inkonvenjent għall-pazjent. Isiru wkoll operazzjonijiet li permezz tagħhom tiġi kkoreġuta is-sinsla tad-dahar, f’każijiet ta skoljożi.

Il-Ministru Joe Cassar qal li dan huwa investiment ieħor fis-saħħa tal-poplu li qiegħed jagħti ir-riżultati mixtieqa. Hu qal li meta infetaħ l-isptar Mater Dei bdew jintużaw 2 teatri tal-operazzjonijiet filwaqt li issa qed jintużaw erba, u dan ifisser żieda fl-operazzjonijiet u tnaqqis fiż-żmien ta stennija għall-pazjenti. 

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll Mr Joe Bonnici, il-kirurgu responsabbli minn-operazzjonijiet fis-sinsla tad-dahar u Dr John Cordina speċjalista fil-ġerantoloġija.