Saturday, 17 March 2012

Ritratt

Ritratt

Il-ġimgħa li għaddiet fl-Isptar Mater Dei konna qed niddiskutu għadd ta servizzi li qed jiġu offruti.  Dawn il-laqgħat dejjem ikunu xi naqra diffiċli minħabba diversi fatturi, b’mod partikolari l-ammont ta persuni nvoluti.  Wara madwar sagħtejn kulħadd kien xi naqra għajjien u ddeċidejna li nieħdu break qasir.  Ħriġt nirrispondi telefonata fil-kuritur tal-isptar, u hemm iltqajt ma persuna li kien qiegħed jammira wieħed mir-ritratti artistiċi li hemm fil-kuritur.  

Meta qtajt dan ir-raġel dar fuqi u qalli li, għalkemm ma jafnix, ħass li kellu jfaħħar il-ħidma ta numru ta professjonjisti u ħaddiema li salvaw il-ħajja ta bintu matul dawk l-aħħar jiem.  Bid-dmugħ f’għajnejh qalli “qed inħares lejn dan ir-ritratt..l-istess ritratt li rajt kuljum kemm ilha t-tifla l-isptar, waqt li kont qed nippassiġġa bil-lejl nistenna xi aħbar.  Illum ir-ritratt jidher ħafna isbaħ, mhux għax inbidel ir-ritratt, iżda għax inbidlt jien.  Għidilhom grazzi Ministru, għax dawk mhux biss lill binti salvaw, imma lili wkoll tawni ħajja ġdida”. 

Ħassejtni xxurtjat li kont hemm eżatt f’dak il-ħin, u li dan ir-raġel qasam dan kollu miegħi.  Iżda fuq kollox ħassejtni kburi mmens bil-professjonisti u l-ħaddiema kollha tagħna.  

No comments:

Post a Comment