Monday, 26 March 2012

L-investiment fis-saħħa din is-sena se jerġa’ jiżdied. Dott Muscat jgħawweġ il-fatti


STQARRIJA MILL-MINISTERU GHAS-SAHHA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA


L-investiment fis-saħħa din is-sena se jerġa’ jiżdied.   Dott Muscat jgħawweġ il-fatti

Dott Muscat reġa qed jgħawweġ il-fatti dwar il-qasam tas-saħħa.   Minkejja li ġie spjegat kemm-il darba li l-investiment fis-saħħa din is-sena żdied b’ €29 miljun, fuq is-sena li għaddiet Dott Muscat qed jibqa jinsisti li l-investiment fis-saħħa se jonqos.   L-investiment totali fis-saħħa għal din is-sena hu €405.4 miljun, jiġifieri €29 miljun aktar mis-sena li għaddiet. 

Dott Muscat għażel ukoll li, għal darb oħra jattakka t-tmexxija tal-isptar permezz ta’ tmaqdir kostanti.  Dan jistona bil-kbir ma’ dak li qalu esperti Amerikani li matul dawn l-aħħar jiem faħħru t-tmexxija tal-isptar wara xhur jeżaminaw bir-reqqa s-sistemi u l-proċessi adottati fl-iSptar Mater Dei.

Il-Gvern hu sensittiv għal ħtiġiet tal-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk qed iżid is-servizzi tas-saħħa.  Biż-żieda fis-servizzi tal-kura primarja, 427,725 pazjent ġew eżaminati mit-tobba taċ-ċentri tas-saħħa u 155,187 pazjent li ġew eżaminati fill-bereġ.  12,555 pazjent li ġew eżaminati f’darhom stess mit-tobba taċ-ċentri tas-saħħa jafu wkol kemm dan is-servizz huwa komdu.

Il-Ministeru qed jippubblika wkoll din it-tabella li turi s-servizzi differenti li ngħataw matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tal-kura primarja:


Servizzi
2011
Klinika tad-Dijabete
14,282
Ġinekoloġija / Obstetrija
8,016
Well Baby Clinic
6,212
Nursing Care (treatment room)
194,512
Podjatrija
78,073
Speech Language pathology
34,627
Testijiet tad-demm
92,809
Fiżjoterapija
30,235
ECG
4,133
X-Rays
22266
Oftalmoloġija
2071
Glawkoma
4682
Consultant clinic
6284
Immunisation
Vaċċin għat tfal -  75680
Vaċċin tal-Influwenza -  74,592



Anke dwar il-kanċer, l-Oppożizzjoni tidher li mhix tinduna x’inhu għaddej. Saħansitra l-Oppożizzjoni maqdret il-bini taċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija fejn se jkun hemm total ta’ 96 sodda, 74 sodda in patient u 22 sodda fid-Day Care filwaqt li fil-preżent fl-iSptar Sir Paul Boffa hemm 27 sodda.  Dan, apparti l-ambjent modern u bl-assistenza tal-aħħar teknoloġija se jwassal għal kura aħjar f’dan il-qasam.

Il-Fatti juru mod li l-investiment mill-Gvern f’dan il-qasam baqa’ jiżdied sena wara l-oħra u l-ebda pjan tal-Gvern fil-qasam ma twaqqaf.  Anzi, is-servizzi ser ikomplu jiżdiedu hekk kif il-Gvern se jniedi programm ieħor ta’ screening aktar tard matul din is-sena  hekk kif se nkunu qed nistiednu rġiel u nisa ta’ bejn is-60 u l-64 sena biex kull sentejn jagħmlu test li jiddetermina jekk hemmx kanċer jew le fil-musrana. Dan se  jikkumplimenta il-programm nazzjonali ta’ screening tas-sider li bis-saħħa tiegħu sa tmiem is-sena li għaddiet kienu ġew salvati 117-il mara.

Sar ukoll investiment f’Għawdex permezz tad-Dipartiment tar-Radjoloġija li jfisser li pazjenti Għawdxin qed jagħmlu eżamijiet mediċi relatati fosthom CT Scan u screening tas-sider f’Għawdex stess.

Kompla wkoll jiżdied l-investiment fil-mediċini. Matul l-2011, il-Gvern reġa żied il-lista ta’ mediċini b’xejn li jintużaw għall-kura tal-kanċer.  Dan il-fatt jindika wkoll l-investiment dejjem jiżdied mill-Gvern fil-qasam tal-kanċer.  Fil-fatt, filwaqt li fl-2008 n-nefqa fuq il-mediċini tal-kanċer kienet ta’ kważi €4.5 miljun, dan l-investiment baqa’ jiżdied, u s-sena li għaddiet ġie kważi rduppjat għal €8,5 miljun.

Dan kollu jikkonferma li l-Oppożizzjoni mhix aġġornata dwar dak li qiegħed iseħħ fil-qasam tas-saħħa.

No comments:

Post a Comment