Saturday, 17 March 2012

Ir-riforma fil-Kura Primarja –inwettqu dak li pproponejna.

Il-ħtieġa ta’ riforma fil-qasam tal-Kura Primarja ilha tinħass. Pero` l-qbil immedjat dwar il-metodi tal-istess riforma kif indikati fid-dokument konsultattiv kien wieħed minimu. Jerġa’ anqas huwa l-qbil dwar kemm il-proposti indikati fl-istess dokument kienu indirizzati fl-aħħar snin. Saritilna kritika, kultant akkużawna, illi l-gvern falla f’din ir-riforma. Għaldaqstant, bħala Ministru responsabbli mis-Saħħa, mill-Anzjani u mill-Kura fil-Kommunità,  dehrli li għandi nispjega x’ġara, u x’qed jiġri, sewwa.
F’Diċembru 2009 tniehda d-dokument ta’ konsultazzjoni “Insaħħu s-servizzi tal-Kura Primarja” li r-rispons għalih inġabar u ġie evalwat sa ftit anqas minn sentejn ilu. L-essenza ta’ dak id-dokument kienet li l-pazjent jitqiegħed fiċ-ċentru tas-servizzi tas-Saħħa u jingħata s-setgħa li jikkontrolla l-istess servizzi li jgħoddu għalih jew li jeħtieġ permezz ta’ element kardinali, l-informazzjoni: l-aċċess u t-tqassim tal-informazzjoni. Ġimgħatejn ilu niehdejna s-sistema tal-IT ġdida, “myhealth” – li hija bbażata propju fuq dan il-kunċett li jagħti s-setgħa lill-pazjent li jaċċessa l-informazzjoni u r-rekords mediċi tiegħu huwa stess. Din is-sistema tagħti l-għażla lill-pazjent li joħloq komunikazzjoni virtwali bejnu, l-informazzjoni dwaru u t-tabib jew tobba tal-għażla tiegħu, inkluż it-tabib tal-familja. Tajna l-possibilta` wkoll lill-istess tobba tal-familja li, bil-permess tal-pazjent, ikollhom aċċess dirett għall-informazzjoni dwar il-pazjenti tagħhom. Dan ukoll kien parti essenzjali minn dak id-dokument, kif l-istess jista’ jingħad dwar il-ħtieġa li tingħata kontinwita` lis-servizzi tas-saħħa li jingħata pazjent. Il-preskrizzjoni permezz ta’ din is-sistema tal-IT se tkun il-pass li jmiss.
Dan falliment? Forsi l-gvern seta’ jibqa’ jisħaq fuq it-terminoloġija wżata f’dak id-dokument oriġinali meta konna qed naħdmu fuq il-myhealth. Imma lilna timpurtana aktar l-essenza milli l-buzz words.
Element ieħor kardinali f’dak id-dokument kien li nittrasformaw iċ-Ċentri tas-Saħħa ġewwa pajjiżna b’infrastruttura u servizzi aħjar u miżjuda flimkien mal-iżvilupp ta’ Ċentri reġjonali. F’dawn l-aħħar xhur bidet din ir-riforma wkoll. Iċ-Ċentri tal-Mosta u r-Rabat se jkunu l-ewwel passi, kemm bħala mmodernizzar u manutenzjoni, u wkoll bl-investiment qawwi fl-apparat meħtieġ. Żgur tiftakru l-istallazzjoni tal-apparat tar-radjografija diġitali ġewwa l-Mosta li b’mod dirett u mmedjat jagħti l-possibilta li X-Rays ġewwa l-Mosta jistgħu ikunu analiżżati mill-professjonisti ġewwa Mater Dei mingħajr il-ħtieġa li l-pazjent ikollu joqgħod imur hu fiżikament l-iSptar. Inbeda wkoll ix-xogħol ta ippjanar dwar l-ewwel Ċentru Reġjonali tas-Saħħa.  Dan se jkun ġewwa San Ġiljan u se jkun jinkludi aktar servizzi milli llum jiġu offruti f’Ċentri tas-Saħħa, bħal per eżempju, operazzjoni żgħar u interventi oħra.
Dan falliment? Jista’ jkun li ma nfurmajniex biżżejjed li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri huma l-frott ta’ dak id-dokument u r-rispons li rċevejna fuqu.
Dak id-dokument jirreferi wkoll għall-importanza li l-professjonisti kollha involuti fil-Kura Primarja jeħtieġ li jkomplu jiżviluppaw. Il-gvern mhux biss irrikonoxxa dan, imma żviluppa struttura ta’ taħriġ għal dawk it-tobba interessati fil-qasam tal-GP li jwassal sal-akkreditazzjoni tal-istess taħriġ mar-Royal College of GPs tar-Renju Unit. Apparti dan għaddejjin diskussjonijiet sabiex tinħoloq linja ġdida ta’ speċjalizzazzjoni għall-GPs. Il-Gvern qed jagħti s-sapport kollu tiegħu għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ għall-infermiera speċifikament fil-qasam tal-kura primarja u fil-komunità. L-istess għamilna ma’ professjonisti oħrajn bħall-fiżjoterapisti, l-OTs u l-podjatristi. Dawn kollha llum joffru servizzi barra mill-Isptar, ġewwa ċ-Ċentri tas-Saħħa u fil-komunità. Fallejna? Jista’ jkun li ma daqqejniex trombi biżżejjed, iżda aħna qegħdin hawn biex nagħtu servizz tas-Saħħa, mhux servizz tal-banda.
Element ieħor li kien jisħaq fuqu dak id-dokument kien li nsaħħu s-servizzi eżistenti fil-komunità. Fl-aħħar sentejn appuntajna paediatricians tal-komunità, żidna l-professjonisti tal-Commcare, (servizz inter-dixxiplinarju fil-komunità), żviluppajna servizz ta’ monitorar għall-adulti fil-komunità li għandhom xi diżabilita`, waqqafna s-servizzi ta’ screening. Fejn fallejna? Forsi mhux dejjem għamilna evidenti r-rabta bejn l-investiment li qed isir u l-egħruq tiegħu imħawlin f’dak id-dokument. Ċert li x’uħud minnkom fehmu li teżisti din ir-rabta, u nittama li l-kumplament jibdew jifhmuha malajr.
Il-gvern miexi sewwa fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Iva jiena kburi li f’isimkom qed immexxi din l-implimentazzjoni u nassiguraw l-impenn kontinwu u komplet tiegħi għal din il-kawża ġusta. Huwa veru li xi ftit mill-miżuri ta’ dak id-dokument ma ġewx implimentati, imma kieku kellna l-ħsieb li nwettquhom kollha u kif jidhrilna aħna biss, xi skop kien ikollu d-dokument konsultattiv ???
Rajna r-rispons ta’ dawk interessati u fhimna li xi proposti mhux waqthom, jew għax prematuri, jew għax jiswew wisq jew għax jiddependu fuq miżuri oħra li jridu jkunu implimentati qabilhom. Imma l-proċess baqa’, u jibqa’ għaddej, id f’id mad-dinamiċi tal-mument, tar-riżorsi u l-opportunitajiet.

No comments:

Post a Comment